Fontana

You Are HereHome / Fontana

Il-Fontana

Il-Fontana li hija subborg tar-Rabat, hi minnha nnifisha stess subborg taċ-Ċitadella, żviluppat f’raħal għalih. Dan ir-raħal jinsab bejn il-Belt storika tal-gżira u l-bajja pittoreska tax-Xlendi. In-nies bdew jabitaw f’dan l-post għaliex ġew attratti minn diversi għejun ta’ ilma ġieri li wieħed isib f’dawk l-inħawi.

Lir-raħal tal-Fontana n-nies t’Għawdex isibuh wkoll bħala “t-Triq tal-Għajn”. It-Triq għall-Għajn ħadet l-isem minn Għajn sabiħa li hemm fit-tarf tat-triq prinċipali tar-raħal li hi magħrufa bħala L-Għajn il-Kbira, l-Għajn prinċipali. It-tliet widien li jingħaqdu ħdejn din l-Għajn huma: Wied il-Lunzjata, Wied Siekel u Wied tas-Saqwi. In-nies tal-Fontana huma magħrufa bħala l-Fontanin imma din il-kelma rari tintuża.

L-Arma tal-Fontana

L-arma tal-Fontana tikkonsisti f’funtana rrapreżentata b’faxxi ta’ kulur blu u abjad li jalternaw lil xulxin fl-linji orizontali fuq bażi safra. Sal-1993 l-emblema kienet tikkonsisti fi tliet arkati li darba kienu fuq għajn magħrufa bħala l-Għajn tal-Loġoġ – bl-ilma nieżel gelgul minn taħt l-arka tan-nofs, taħt sema blu. Qalb ħamra fuq sfond tad-deheb tirreferi għad-dedikazzjoni tal-paroċċa.

Il-motto Latin tar-raħal hu “Inundatione Ferax”, Għammiela għax bl-ilma ġieri. Dan il-motto jaqbel perfettament mar-raħal għaliex l-għelieqi fit-truf tar-raħal huma fertili minħabba l-għejun li jinsabu fil-viċinanzi.

L-ewwel djar tal-Fontana

L-ewwel djar tal-Fontana ġew mibnija madwar l-Għajn il-Kbira, l-Għajn prinċipali. Dan il-bini huwa magħruf bħala Wied Siekel fuq naħa u Għajn Tuta fuq l-oħra. Probabilment l-isem Wied Siekel gej minn “Scicli”, raħal fi Sqallija. Familja minn Scicli li probabilment kienu Għawdxin li ġew lura lejn darhom, bdew joqogħdu ħdejn l-Għajn. Din il-familja kienet magħrufa bħala “Ta’ Scicli”. L-isem Għajn Tuta ġej minn siġar tat-tut li kienu jinsabu fil-viċinanzi ta’ l-istess Għajn.

Wara bdew jiġu abitati l-inħawi Ta’ Mulejja. L-isem ġej minn forma mimmata Għarbija walijun, prottetur, u għalhekk mula, is-sid tal-art u eventwalment l-inħawi bdew jissejħu ta’ Mulejja, isem li illum riservat għal Alla.

L-inħawi bejn ta’ Mulejja u Santa Dminka fir-Rabat huma magħrufa bħala ta’ l-Isptar San Ġiljan. Dan l-isptar għan-nisa li ġie miftuh fit-3 ta’ Mejju 1783 u fl-1866 sar, fis-Seminarju ta’ Għawdex. Qabel dan iż-żmien, din is-sezzjoni tal-Fontana kienet magħrufa wkoll bħala Santa Dminka. Wara li dawn l-inħawi ġew mibnija, djar oħra bdew jinbnew fit-Triq tal-Għajn.

Ir-raħal ma ġiex żviluppat qabel nofs is-seklu 20 meta ġiet miftuħa t- Triq il-Ġdida biex tgħaqqad it-Triq tal-Għajn mat-triq Santa Dminka. Fl-1950s din ġiet imsemmija “Triq il-Kapillan Ġużepp Hili”, l-ewwel kapillan ta’ din il-lokalita`. Żvilupp ieħor sar fl-1970s fl-inħawi illum magħrufa bħala Triq il-Qalb ta’ Ġesu`, din ġiet miftuħa bejn n-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Għajn u qrib “Fuq it-Tomba”, u l-inħawi Ta’ Wara Santu Wistin. L-isem huwa ddedikat għall-patrun ta’ din il-knisja. Fl-1980s parti kbira mit-triq Santa Dminka ġiet mibnija u erba’ toroq ġodda ġew magħquda mar-raħal: Triq San Martin, wara li ġiet iddedikata lill-kapella li kien hemm fl-inħawi, Triq il-Kardinal Alessandro Franchi, Triq il-Gvernatur Sir Gaspard Le Marchant u Triq l-Isqof Mikiel Frangisk Buttigieg fl-inħawi magħrufa bħala “Tas-Saqwi”. Dawn it-tliet gentlomi, kellhom sehem importanti fit-twaqqif tad-djoċesi ta’ Għawdex. Żewg toroq oħra ġew miftuħa fl-istess għaxar snin: l-ewwel, bejn l-Isptar San Ġiljan u t-triq tal-Għajn magħrufa bħala triq is-Sajjieda msemmija għas-sajjieda tal-Fontana; u t-tieni triq Ta’ Mulejja fl-inħawi tal-knisja parrokjali.

Il-popolazzjoni tal-Fontana

Il-popolazzjoni tal-Fontana, skond iċ-ċensiment tal-1995 kienet tammonta 817 persuni, 407 irgiel u 410 nisa. Il-bilanċ bejn l-irġiel u nisa kuntrarju tat-tendenza ġenerali f’Għawdex hija proporzjonata.

L-ewwel familji fil-Fontana

Il-maggoranza tal-ewwel familji fil-Fontana kienu bdiewa, imma f’perjodu qasir kien hawn numru mdaqqas ta’ sajjieda li kienu jaħdmu fil-port tax-Xlendi sa nofs is-seklu 19, dan peress li ma kienx hemm djar mibnija fil-port. Is-sajjieda kellhom rwol importanti fil-bini tal-knisja parrokjali u fit-tkabbir tar-raħal.

L-anzjani tar-raħal jiftakru ħdax-il ekwipagg ta’ dgħajjes tas-sajd f’salt min-nofs is-seklu 19 sa madwar nofs is-seklu 20. L-ekwipagg ta’ ħdax il-persuna kienu allokati għal ħdax-il dgħajsa b’numru indaqs ta’ patruni. L-ekwipagg kien jikkonsisti fi tmien jew disa’ irġiel fl-istaġun tal-lampuki, li jdum minn l-aħħar ta’ Awwissu sa Novembru. Matul l-istaġun kien ikun hemm bżonn aktar ħaddiema abbord mis-soltu, u dan ma nbidilx ma’ l-introduzzjoni tal-muturi tad-dgħajjes madwar l-1920. Għalhekk minn 90 sa 100 sajjied professjonali kienu attivi fix-Xlendi.

Il-Kunsill Lokali

Il-verżjoni legislattiva tal-bidu tal-Kunsill Lokali inkludiet lill-Fontana mal-belt tar-Rabat. Minkejja dan, il-Kumitat tal-Partit Nazjonalista tal-Fontana, immexxi minn Paul Galea, President, Saviour Borg, segretarju u George Camilleri, it-teżorier, għamlu suċċess għax irnexxilhom jikkonvinċu lill-gvern biex ibiddel fehmtu. Lill-Fontana ġiet mogħtija Kunsill għalih, bħal kull kunsill ieħor, dan ġie stabilit skond l-Att Parlamentari tal-14 ta Gunju 1993. L-ewwel elezjoni għall-Kunsill Lokali tal-Fontana saret is-Sibt, 20 ta Novembru 1993. Il-popolazjoni kienet ta 894 ruh, u minnhom kien hemm 683 registrati għall-vot, li erba’ minnhom kienu barranin. Dan il-lokal kellu jelleġġi ħames kunsilliera. Seba’ kandidati ikkontestaw għal ewwel elezzjoni: ħamsa kienu f’isem il-Partit Nazjonalista u t-tnejn l-oħra kienu indipendenti. 551 persuni jew 80.67% tal-popolazzjoni tal-Fontana kienu ħargu jivvotaw, imma 531 kienu validi, b’rizultat ta’ kwota ta’ 89. Il-kandidati tal-Partit Nazjonalista kellhom 72.69% mill-voti u b’hekk kellhom erba’ kandidati fil-kunsill, Anthony Borg, Saviour Borg, Gorg Cassar, u Maria Schembri; filwaqt li l-kandidati indipendenti kellhom 27.31% u wieħed minnhom ġie elett, Spiru Formosa. Fit-3 ta’ Diċembru 1993, il-kandidati b’vot unanimu ħatru lil Anthony Borg bħala l-ewwel Sindku tal-Fontana.

It-tieni elezjoni saret fid-9 ta Marzu 1996. Minn popolazjoni ta’ 965, 697 kienu reġistrati bħala votanti u li minnhom kien hemm 11 barranin. Sitt kandidati ikkontestaw għal elezzjoni. 598 persuni jew 85.80% ivvotaw, imma 552 jew 79.20% mill-voti kienu validi u l-kwota kienet ta 93. Erbgħa mill-kandidati kienu Nazzjonalisti (67.39%), li huma Anthony Borg, Saviour Borg, Vitorin Mizzi and Maria Schembri; u wieħed indipendenti (32.61%), Spiru Formosa, kienu eletti. L-ewwel laqgħa tat-tieni Kunsill saret fit-8 ta’ April 1996 u l-kunsilliera hatru lil Saviour Borg bħala t-tieni Sindku. Eventualment, Anthony Borg irrizenja u gie co’opted fil-kunsill Mario Mizzi.

L-elezzjonijiet li kellhom jerġgħu jsiru f’Marzu 1999, ma sarux peress li kien hemm biss ħames kandidati. Fil-5 ta’ April 1999, Saviour Borg rega’ gie elett b’vot unanimu bħala is-Sindku għat-tieni darba. Mario Mizzi ġie elett Viċi-Sindku f’Jannar 2000, peress li kienet saret emenda fil-liġi tal-Kunsill Lokali biex jinħatar Viċi-Sindku. Il-kunsilliera l-oħra kienu Josephine Borg, Ivan Cauchi, u Charles Micallef. Is-Segretarju Ezekuttiv kienet Josianne Cassar. L-elezzjonijiet kien imisshom isiru f’Marzu 2002 imma peress li kien hames nominati biss, dawn reġgħu ma sarux. Fl-1 ta’ April 2002, Valentino Cassar kien elett Sindku u Edwin Borg viċi-Sindku. Il-kunsilliera l-oħra kienu Saviour Borg, Anthony Cassar u Maria Schembri.

L-elezjoni għal ħames Kunsill saret fit-12 ta’ Marzu 2005. Total ta’ 573 persuni ivvutaw imma 24 voti kienu invalidi u l-kwota kienet ta’ 92. Sitt kandidati ikkontestaw għal din l-elezjoni. Tliet nazzjonalisti (62.11%), li huma Saviour Borg, Victor Cefai u Maria Schembri; u żewg laburisti (37.89%), Lorry Apap u Anthony Cassar kienu eletti. Din l-elezjoni saret taht sett ta’ regoli ġodda b’elezzjoni diretta tas-Sindku. Saviour Borg rebaħ l-ikbar ammont ta’ voti (153) mill-partit li rebaħ l-iktar siġġijiet u għalhekk kien dikjarat Sindku; Victor Cefai kien elett viċi-Sindku. Is-Segretarju Ezekuttiv hi Josianne Cassar.

L-ikbar attrazjoni tar-Raħal

L-ikbar attrazjoni ta’ dan ir-raħal hija l-Għajn il-Kbira. L-Għajn tal-Ħasselin li tinsab fuq l-Għajn prinċipali, li ġa ġiet msemmija qabel, ġiet mibnija madwar 1685 minn qassis, Gasparre Azzopardi, li kien fil-pussess Tas-Saqqajja. Barra minnhekk hawnhekk insibu xi forma ta’ saqaf li hu maħsub li ilu jeżisti mill-aħħar tas-seklu 14. Dan ġie ikkonkludut mid-dokument kwotat ta’ 1373 u parti minnu hu kkonfermat mix-xogħlijiet li saru fis-sajf ta’ 1597.

Meta l-ilma kien xi ħaga rari, n-nies tar-Rabat kienu jmorru jġibu l-ilma tagħhom minn hemm u bdew jaħslu l-ħwejjeg tagħhom hawn wkoll. Peress li kienet imsaqfa kien tajjeb ħafna għan-nies għax kienu jkunu mħarsa mis-sħana fis-sajf u mill-ksieħ fix-xitwa. Ċertu nisa għadhom sal-lum jaħslu l-ħwejjeg tagħhom hemm, imma llum l-Għajn tintuza iktar minn guvintur li jmorru jaħslu l-karozzi tagħhom. Barra minnhekk, numru ta’ Għawdxin jew barranin, wara li jirrilassaw u jmorru jgħumu x-Xlendi, jitilgħu biex jifriskaw fl-ilma ċar kristal tal-Għajn.

Fl-okkazjoni tal-bini tal-Għajn tal-ħasselin u l-kanali ta’ l-ilma tal-ġebel, tliet armi ġew imnaqqxa ġewwa l-Għajn. L-arma tan-nofs hi tal-GranMastru Gregorio Caraffa (1680-1690); dik tax-xellug tal-familja Azzopardi, mentri dik tal-lemin tal-Universitas li tirraprezenta l-ħlasijiet biex tibqa’ tintuża. Din l-iskrizzjoni fuq il-ġebla tal-qawwi ta’ fuq tikkomemora t-twaqqif ta’ l-istess Għajn tal-ħassilin.

Għejun oħra

Fl-aħħar kwart tas-seklu dsatax, kien hemm erba’ għejun oħra fl-inħawi ta’ l-Għajn prinċipali. Tlieta minn dawn m’għadomx jeżistu. Dawn kienu magħrufin bħala l-Għajn tal-Loġoġ, għax kellha tliet arkati biex joffru kenn lin-nies u l-annimali; l-Għajn tal-Bhejjem, li kienet tikkonsisti f’żewġ kanali ta’ l-ilma fuq kolonna bl-ilma gieri; u l-Għajn tal-Wied, Għajn li l-ilma kien jinzel gelgul minnha.

Ir-raba` wahda hi l-Għajn ta` Bendu, li hu isem personali. Din tinsab faċċata ta l-Għajn prinċipali li għada tidher sal-lum u tintuza wkoll għall-hasil. Barra dawn, hemm ukoll in-nixxiegħa tas-Saqwi, din l-Għajn tinsab taht l-art. Din tistab taht t-Triq Gaspard Le Marchant. Din il-Għajn twassal sa bir qadim li l-bokka tiegħu hi biċċa minnha magħluqa b’ġebel kbir tal-qawwi.

Wied Siekel

F’wieħed mit-trufijiet ta’ Wied Siekel, għar naturali kien gie imkabbar u magħmul abitabli bħala xelter tal-gwerra mill-familja Tabone (Ta’ Xaħam).

L-għar kien ġie mgħammar bil-friefet il-lejl, u għalhekk beda jissejjah il-Għar tal-Friefet. Illum din hija propjeta’ skedata u għalhekk ma jista’ jsir l-ebda zvillup fiha. L-għar hu magħruf li jipprotegi lill-“farfett il-lejl tan-nagħla zgħir” (Rhinolophus hipposideros) kif ukoll lill-farfett il-lejl magħruf bħala ta’ “widnet il-ġurdien”(Myotis blythi).

Il-Knisja tal-Fontana

Il-knisja parrokjali tal-Fontana ġiet mibnija fl-aħħar għaxar snin tas-seklu 19 u fl-ewwel snin tas-seklu 20. Il-pjan tal-bini beda fil-11 ta’ Awwissu 1892. L-ewwel ġebla ġiet imqegħda fid-29 ta’ Jannar 1893 mill-Isqof Giovanni Maria Camilleri. Il-bini, f’idejn Mastru Wiġi Vella (tal-Qanfuda), mexa bi proċess mgħaggel għalkemm ix-xogħol kellu jieqaf aktar minn darba minhabba n-nuqqas ta’ finanzi.

Fl-1 ta’ Ġunju 1902, beda jitqaddes il-quddies fil-parti ta’ wara tal-knisja l-gdida. Il-kampnar fil-faċċata kien lest ma’ l-ahhar ta’ 1902 u l-koppla f’Jannar ta’ 1903. Fit-8 ta’ Frar 1903, fuq il-koppla tpoġġiet statwa kbira tas-Salvatur maħduma mill-iskultur Liberat Borg. Il-knisja l-ġdida ġiet ikkonsagrata fid-29 ta’ Jannar 1905. Ġiet iddedikata lill-Qalb Ta’ Ġesu`, b’Sant Andrija patrun tas-sajjieda bħala ko-patrun. Bl-isforzi ta’ Dun Ġużepp u bis-sapport tas-sajjieda, l-istess isqof waqqaf il-paroċċa tal-Fontana fis-27 ta’ Marzu 1911. Dun Ġużepp Hili ġie maħtur bħala l-ewwel kappillan tal-paroċċa.